Biljetti tal-Ajru: Meta pazjent jiġi approvat għal kura barra minn Malta u jasal l-appuntament, il- pazjent jiġi msejjaħ l-uffiċċju sabiex jinbdew l-arranġamenti meħtieġa. Il-pazjenti ġeneralment jinħarġu biljetti tal-ajru mingħajr ritorn fiss peress li d-data tar-ritorn ma tkunx magħrufa. Il-pazjenti jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-arranġamenti tat-titjira tagħhom stess u mbagħad jitolbu għal rifużjoni. Ir-rifużjoni m’għandhiex taqbeż l-ammont li kien jitħallas kieku saru arranġamenti mill-persunal fit-Taqsima tat-Trattament barra minn Malta. L-ispejjeż għal arranġamenti speċjali bħal stretcher, inkubatur, ossiġnu, spazju għar-riġlejn, skorta medika u ambulanza bl-ajru huma kollha mħallsa mid-Dipartiment. L-Uffiċċju tat-Trattament barra minn Malta jassisti wkoll lill-qraba bl-arranġamenti għat-titjiriet ; l-ispejjeż jitħallsu mill-familja. Madankollu, il-familja tista’ tfittex l-għajnuna finanzjarja minn istituzzjonijiet tal-karità bħal Malta Community Chest Fund u Puttinu Cares Foundation. Għal pazjenti li għandhom aktar minn 18-il sena d-Dipartiment ikopri l-ispiża tat-titjiriet tal-pazjenti biss, iżda għal pazjenti taħt 18-il sena d-Dipartiment ikopri wkoll l-ispiża tal-biljetti tat-titjira għal żewġ persuni li jakkumpanjawhom. Akkomodazzjoni: Id-Dipartiment ikopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni tal-pazjenti biss. Għal pazjenti li qed jiġu kkurati f’Londra u Sutton: Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu ftehim mas-Sorijiet Franġiskani f’Londra u l-Fondazzjoni Puttinu Cares li joffru servizzi ta’ akkomodazzjoni lill-pazjenti li jkunu qed jirċievu l-kura. Hemm ukoll arranġamenti mas-Sorijiet Agostinjani fl-Oval. Il-ħlas lil dawn l-istituzzjonijiet isir mid-Dipartiment. L-akkomodazzjoni tas-Sorijiet hija bbażata f’ Victoria, Londra u hija faċilment aċċessibbli għall-isptarijiet ibbażati fiċ-Ċentru ta’ Londra. L-appartamenti li huma proprjetà tal- Fondazzjoni Puttinu Cares huma bbażati f’Surrey u dawn huma ġeneralment użati minn pazjenti li qed jirċievu kura fl-Isptar Royal Marsden f’Sutton, Surrey. Għal pazjenti barra minn Londra u Sutton bħal Manchester u barra mir-Renju Unit (ħlief Palermo): F’każijiet fejn il-pazjenti jkunu qed jirċievu trattament barra minn Londra, l-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni jsiru mill-pazjenti u l-qraba iżda t-Taqsima tat-Trattament barra minn Malta tipprovdi gwida u assistenza. Dawn il-pazjenti jkunu mistennija li jħallsu għall-akkomodazzjoni mbagħad jiġu rimborżati mar-ritorn tagħhom lejn Malta. Għal pazjenti f’Palermo: L-akkomodazzjoni għall-pazjenti li qed jiġu kkurati fl-ISMETT Palermo hija organizzata mill-Amministrazzjoni tal-Isptar. Din l-akkomodazzjoni għall-pazjent titħallas direttament mid-Dipartiment. L-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni jsiru kemm jista’ jkun f’alloġġ qrib l-isptarijiet fejn il-pazjenti jkunu qed jirċievu l-kura. Il-pazjenti huma liberi li jagħmlu l-arranġamenti tal-akkomodazzjoni tagħhom stess u huma eliġibbli għal rifużjoni b’limitu massimu fuq preżentazzjoni tal-irċevuti oriġinali. Jekk l-akkomodazzjoni tkun disponibbli fil-viċinanza tal-isptar iżda l-pazjenti jagħżlu li joqogħdu f’alloġġ li huwa ‘l bogħod, id-dipartiment mhuwiex marbut li jipprovdi trasport bejn l-alloġġ u l-isptarijiet. Trasport: Pazjenti li qed jirċievu kura f’Londra u Sutton huma pprovduti bi trasport minn u lejn ajruporti partikulari u wkoll biex jattendu għall-appuntamenti fl-isptar. Sa żewġ persuni li jakkumpanjawhom jistgħu jivvjaġġaw fl-istess karozza mal-pazjent jekk jippermetti l-ispazju. Il-pazjenti jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom stess u jitolbu rimborż fuq l-preżentazzjoni tal-irċevuti oriġinali. Ir-rimborż ikun skont ir-rati tat-trasport approvati.