FAQs

Jekk il-proċedura xierqa għar-riferiment tkun ġiet segwita u tkun ingħatat l-approvazzjoni mill-Kumitat tat-Trattament barra minn Malta, il-pazjent mhux meħtieġ iħallas għall-kura li jirċievi.

Jekk pazjenti waqt li jkunu barra minn Malta jiġu infurmati li qed jingħataw trattament differenti minn dak li kienu ġew riferuti għalih jew jintbagħtu fi sptar privat, għandhom jinfurmaw jew lill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta jew lill-Uffiċċju għat-Trattament ta’ barra minn Malta immedjatament, peress li trid tintalab approvazzjoni biex tkopri kwalunkwe spiża addizzjonali li dan it-trattament se jinvolvi. Kwalunkwe kura li tinsab fil-lista tal-formularju ta’ Malta tkun koperta mid-Dipartiment tas-Saħħa. Barra minn hekk, l-approvazzjoni fuq bażi ta’ pazjent imsemmi għat-trattament tista’ tingħata wkoll f’konformità mal-politika ta’ trattament eċċezzjonali; https://deputyprimeminister.gov.mt/en/pharmaceutical/Pages/EMT.aspx​

Jekk il-pazjenti jagħżlu li jaqbżu s-sistema u jsiefru għall-kura fuq inizjattiva tagħhom stess mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, it-talbiet għal rifużjonijiet tal-ispejjeż ma jiġux milqugħa.

Biljetti tal-Ajru: Meta pazjent jiġi approvat għal kura barra minn Malta u jasal l-appuntament, il- pazjent jiġi msejjaħ l-uffiċċju sabiex jinbdew l-arranġamenti meħtieġa. Il-pazjenti ġeneralment jinħarġu biljetti tal-ajru mingħajr ritorn fiss peress li d-data tar-ritorn ma tkunx magħrufa. Il-pazjenti jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-arranġamenti tat-titjira tagħhom stess u mbagħad jitolbu għal rifużjoni. Ir-rifużjoni m’għandhiex taqbeż l-ammont li kien jitħallas kieku saru arranġamenti mill-persunal fit-Taqsima tat-Trattament barra minn Malta. L-ispejjeż għal arranġamenti speċjali bħal stretcher, inkubatur, ossiġnu, spazju għar-riġlejn, skorta medika u ambulanza bl-ajru huma kollha mħallsa mid-Dipartiment. L-Uffiċċju tat-Trattament barra minn Malta jassisti wkoll lill-qraba bl-arranġamenti għat-titjiriet ; l-ispejjeż jitħallsu mill-familja. Madankollu, il-familja tista’ tfittex l-għajnuna finanzjarja minn istituzzjonijiet tal-karità bħal Malta Community Chest Fund u Puttinu Cares Foundation. Għal pazjenti li għandhom aktar minn 18-il sena d-Dipartiment ikopri l-ispiża tat-titjiriet tal-pazjenti biss, iżda għal pazjenti taħt 18-il sena d-Dipartiment ikopri wkoll l-ispiża tal-biljetti tat-titjira għal żewġ persuni li jakkumpanjawhom. Akkomodazzjoni: Id-Dipartiment ikopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni tal-pazjenti biss. Għal pazjenti li qed jiġu kkurati f’Londra u Sutton: Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu ftehim mas-Sorijiet Franġiskani f’Londra u l-Fondazzjoni Puttinu Cares li joffru servizzi ta’ akkomodazzjoni lill-pazjenti li jkunu qed jirċievu l-kura. Hemm ukoll arranġamenti mas-Sorijiet Agostinjani fl-Oval. Il-ħlas lil dawn l-istituzzjonijiet isir mid-Dipartiment. L-akkomodazzjoni tas-Sorijiet hija bbażata f’ Victoria, Londra u hija faċilment aċċessibbli għall-isptarijiet ibbażati fiċ-Ċentru ta’ Londra. L-appartamenti li huma proprjetà tal- Fondazzjoni Puttinu Cares huma bbażati f’Surrey u dawn huma ġeneralment użati minn pazjenti li qed jirċievu kura fl-Isptar Royal Marsden f’Sutton, Surrey. Għal pazjenti barra minn Londra u Sutton bħal Manchester u barra mir-Renju Unit (ħlief Palermo): F’każijiet fejn il-pazjenti jkunu qed jirċievu trattament barra minn Londra, l-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni jsiru mill-pazjenti u l-qraba iżda t-Taqsima tat-Trattament barra minn Malta tipprovdi gwida u assistenza. Dawn il-pazjenti jkunu mistennija li jħallsu għall-akkomodazzjoni mbagħad jiġu rimborżati mar-ritorn tagħhom lejn Malta. Għal pazjenti f’Palermo: L-akkomodazzjoni għall-pazjenti li qed jiġu kkurati fl-ISMETT Palermo hija organizzata mill-Amministrazzjoni tal-Isptar. Din l-akkomodazzjoni għall-pazjent titħallas direttament mid-Dipartiment. L-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni jsiru kemm jista’ jkun f’alloġġ qrib l-isptarijiet fejn il-pazjenti jkunu qed jirċievu l-kura. Il-pazjenti huma liberi li jagħmlu l-arranġamenti tal-akkomodazzjoni tagħhom stess u huma eliġibbli għal rifużjoni b’limitu massimu fuq preżentazzjoni tal-irċevuti oriġinali. Jekk l-akkomodazzjoni tkun disponibbli fil-viċinanza tal-isptar iżda l-pazjenti jagħżlu li joqogħdu f’alloġġ li huwa ‘l bogħod, id-dipartiment mhuwiex marbut li jipprovdi trasport bejn l-alloġġ u l-isptarijiet. Trasport: Pazjenti li qed jirċievu kura f’Londra u Sutton huma pprovduti bi trasport minn u lejn ajruporti partikulari u wkoll biex jattendu għall-appuntamenti fl-isptar. Sa żewġ persuni li jakkumpanjawhom jistgħu jivvjaġġaw fl-istess karozza mal-pazjent jekk jippermetti l-ispazju. Il-pazjenti jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom stess u jitolbu rimborż fuq l-preżentazzjoni tal-irċevuti oriġinali. Ir-rimborż ikun skont ir-rati tat-trasport approvati.

Għal pazjenti li qed jirċievu kura f’Londra, servizzi ta’ interpretazzjoni huma offruti permezz tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta. Barra minn hekk żewġ Patrijiet huma inkarigati mid-Dipartiment biex joffru servizzi pastorali u ta’ parir lill-pazjenti kollha u l-qraba tagħom fir-Renju Unit. Għal pazjenti li qed jiġu kkurati fi sptarijiet barra mir-Renju Unit, is-servizzi ta’ interpretu huma ġeneralment organizzati mill-Isptar stess.

Żewġ persuni, li huma bbażati fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Piccadilly, ġew inkarigati biex jikkoordinaw u jiffaċilitaw iż-żjarat ta’ pazjenti Maltin li qed jirċievu kura fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta żżomm kuntatt ta’ kuljum mal-pazjenti fir-Renju Unit u tirrapporta lura lill-Uffiċċju tat-Trattament ta’ barra minn Malta b’aġġornamenti dwar il-pazjenti. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta hija wkoll responsabbli biex tibbukkja t-trasport meħtieġ għall-pazjenti u tikkoordina kwalunkwe rekwiżit li l-pazjenti jista’ jkollhom bżonn matul iż-żjara tagħhom fir-Renju Unit inklużi l-prenotazzjonijiet tat-titjiriet għall-vjaġġ lura lejn Malta. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta sservi ta’ kollegament bejn Malta u l-Isptarijiet tar-Renju Unit u tagħmel ħilitha biex tikseb appuntamenti għall-pazjenti bl-aktar mod urġenti possibbli. Barra minn hekk il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta ssegwi rapporti dwar il-pazjenti u tiżgura li l-Uffiċċju tat-Trattament ta’ barra l-Pajjiż jirċievi aġġornamenti regolari u f’waqthom dwar il-pazjenti.