Żewġ persuni, li huma bbażati fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Piccadilly, ġew inkarigati biex jikkoordinaw u jiffaċilitaw iż-żjarat ta’ pazjenti Maltin li qed jirċievu kura fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta żżomm kuntatt ta’ kuljum mal-pazjenti fir-Renju Unit u tirrapporta lura lill-Uffiċċju tat-Trattament ta’ barra minn Malta b’aġġornamenti dwar il-pazjenti. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta hija wkoll responsabbli biex tibbukkja t-trasport meħtieġ għall-pazjenti u tikkoordina kwalunkwe rekwiżit li l-pazjenti jista’ jkollhom bżonn matul iż-żjara tagħhom fir-Renju Unit inklużi l-prenotazzjonijiet tat-titjiriet għall-vjaġġ lura lejn Malta. Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta sservi ta’ kollegament bejn Malta u l-Isptarijiet tar-Renju Unit u tagħmel ħilitha biex tikseb appuntamenti għall-pazjenti bl-aktar mod urġenti possibbli. Barra minn hekk il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta ssegwi rapporti dwar il-pazjenti u tiżgura li l-Uffiċċju tat-Trattament ta’ barra l-Pajjiż jirċievi aġġornamenti regolari u f’waqthom dwar il-pazjenti.